Kurunella tal-Ħniena Divina
Meta Inti mitt, Ġesu, minnek tnisslet il-ħajja għall-umanita’, u nfetaħ baħar ta’ ħniena għad-dinja kollha. O għajn tal-ħajja, Ħniena Divina bla’ qjies, imla’ d-dinja kollha u ferra’ lilek innifsek fuqna… (tista’ ssemmi l-grazzji li inti tixtieq).
O Demm u Ilma, li ħrigtu mill-Qalb ta’ Ġesu bħala għajn ta’ ħniena għalina, jiena nafda Fik. Ammen
+ Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.
Tgħid darba – l-Missierna, Ħobżna, s-Sliema u l-Qaddisa
l-Kredu tal-Appostli
Jiena nemmen f’Alla, l-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art; u f’Ġesu` Kristu, Ibnu wieħed Sidna, li kien konċeput mill-Ispirtu s-Santu, twieled minn Marija Verġni; bata taħt il-ħaqq ta’ Ponzju Pilatu, sallbuh, miet u difnuh; niżel il-Limbu, mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet; tela’ fis-smewwiet, qiegħed in-naħa tal-lemin t’Alla l-Missier, li jista’ kollox; minn hemm għandu jerġa’ jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin. Nemmen fl-Ispirtu s-Santu; fil-Knisja Mqaddsa Kattolika, fix-Xirka tal-Qaddisin; fil-maħfra tad-dnubiet; fil-qawma tal-imwiet; u fil-ħajja ta’ dejjem. Ammen.
(Tibda’ biha u flok il-Glorji )
Missier Etern, jiena noffrilek il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita’ ta’ Ibnek il-Għażiż, Sidna Ġesu’ Kristu, bi tpattija għad-dnubiet tagħna u għal dawk tad-dinja kollha.
(Għal għaxar darbiet – flok is-Sliema u l-Qaddisa).
F’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħu, ħenn għalina u għad-dinja kollha.
(u fl-aħħar tghid għal 3 darbiet)
Qaddis Alla, Qaddis Qawwi, Qaddis Immortali, ħenn għalina u għad-dinja kollha. Ammen.
Talba lil Ġesù Ħanin.
“O Ġesu` ħanin, aħna nemmnu Fik u nafdaw Fik. Għinna għaliex aħna dgħajfa u bla ħila. Agħtina l-grazzja li nwassluK lill-bnedmin kollha biex jagħrfuk u jħobbuk. U jkollna fiduċja fil-kobor bla qies ta’ Mħabbtek, sabiex inkunu nistgħu niġġieldu kontra l-ħażen li hemm fina u fid-dinja kollha għall-Glorja Tiegħek u għas-salvazzjoni ta’ ruħna.” Ammen.