Talba lill-Madonna tas-Sokkors Perpetwu

Ja Omm ħanina tas-Sokkors Perpetwu, minn idejk jgħaddu l-grazzji kollha li Alla jagħtina msejkna midinbin. Għalhekk Hu għamlek tant setgħana u għanja biex tkun tista’ tgħinna fi ħtiġijietna. Int l-avukata ta’ kull min jersaq lejk; il-faraġ ta’ min ifittex il-protezzjoni tiegħek.
Għinni Madonna! F’idejk nerħi ruħi. F’idejk inqiegħed is-salvazzjoni tiegħi. Għoddni bħala persuna l-aktar miġbuda lejk. Żommni taħt il-ħarsien tiegħek, u dan hu biżżejjed għalija. Jekk int, ja Marija, tħarisni u tidħol għalija, minn xejn ma nibża’ għax naf li int tagħmel dan quddiem Ibnek Ġesu’.
Sbejħa Madonna, għinni nimtela bl-imħabba lejn Ibnek, żomm idejk fuqi, fuq il-familja tiegħi u fuq pajjiżi, bierek il-ħidma ta’ dawk kollha li qed jagħmlu t-tajjeb u lili agħtini l-grazzja li fil-mumenti iebsa u f’kull tfixkil, nirrikorri lejk u ngħidlek: Ja Omm tas-Sokkors għinni int; la tħallinix nitbiegħed minn Alla tiegħi.
(jingħadu 3 Ave Marijiet)